Friday, March 21, 2008

L-Għid

Dan il-weekend kien weekend ferm differenti minn oħrajn. Dan propju għax fakkarna storja li ġrat elfejn sena ilu.


Il-Ġimgħa mmeditajna fuq il-passjoni ta' Ġesu', kemm bata għalina - għax kien iħobbna u ried isalvana. Ħbiebu kollha ħallewh, bħalma ħafna drabi nħalluh aħna meta kollox ikun miexi sew. Rajnih jiġi kkundanat bla ħtija, jimxi l-mixja lejn il-Golgota u hemm jiġi mislub. Smajna l-aħħar kelmiet tiegħu fuq is-salib u rajnih jerħi ruħu f'idejn l-Missier u jmut.


Ħassejna d-dwejjaq u l-firda li ħasset ommu Marija u l-appostli li kienu magħluqin ġewwa Ġerusalemm għax beżgħu mil-Lhud.


Imma mbagħad FRAĦNA għax Kristu ma baqax fil-qabar.


KRISTU QAM MILL-MEWT!!

MA KRISTU WKOLL INT AGĦMEL DIN IL-MIXJA FIL-ĦAJJA TIEGĦEK - MIXJA MID-DLAM GĦAD-DAWL!


Sunday, March 16, 2008

Ħadd il-Palm

Ħadd il-Palm: il-ġurnata fejn il-poplu Lhudi feraħ b'Ġesu' bħala s-Sultan tagħhom. . . imma ftit jiem wara quddiem Pilatu għajjat: "Sallbu, Sallbu." Aħseb ftit fuq dan fil-ħajja tiegħek!

Friday, March 14, 2008

Duluri

Il-festa tad-duluri hija festa traddizjonali għalina l-Maltin. Ħafna nies jkunu qegħdin jistennew din il-festa biex ikunu jistgħu jagħtu qima lil Marija Ssma taħt it-tituli tad-Duluri; oħrajn ikunu jridu jwettqu xi wegħda li jkunu għamlu, u oħrajn għad-devozzjoni.

Imma ta' min isaqsi: X'jiġifieri l-purċissjoni tad-Duluri?
Id-Duluri huwa t-titlu ta' meta nqimu lil Marija Ssma u niftakkru b'mod speċjali fit-tbatija li hija ġarbet meta rat lil binha jiġi maqtul bla ħtija għas-salvazzjoni tal-bnedmin, li kienu kontrih!

Kemm hi iebsa li mhux biss tara l-ibnek jiġi maqtul, imma dan bla ħtija, min nies li huwa kien qiegħed isalva!

Meta tqabbel t-tbatija li għaddiet minnha Marija, mat-tbatijiet li ngħaddu minnhom aħna tagħraf kemm it-tbatija tagħna, għalkemm kbira xi kultant ma tkun xejn ħdejn dik it-tbatija li għaddiet Marija. Għalhekk għandna nħossuna komdi li nafdaw lil Marija bit-tbatijiet tagħna, għax hija taf x'jiġifieri!!

Mela, llum, meta tkun mixja wara l-istatwa tad-Duluri,
AFDA T-TBATIJIET TIEGĦEK FI ĦDAN MARIJA!

Sunday, March 9, 2008

Ittra lil Ġesu'

Għażiż Mulej,
Qaluli li int ma teżistix. U, stupidu li jien, emminthom. Il-lejl li għadda, minn ġo qiegħ ħofra ta' bomba, rajt il-kwiekeb ileqqu.

F'daqqa intbaħt bil-verita'. Dak li kienu qaluli kien kollu gideb. Kieku biss waqaft ftit inħares madwari malajr kont nintebaħ li l-ħolqien ikelimni fuqek.

Min jaf, Mulej, jekk taċċettax li żżommli jidejja wara tant snin imbiegħed minnek! Imma int tifhimni żgur. Għaliex kellu jkun dan l-infern ta' gwerra biex nilmaħ lil wiċċek jiddi minn bejn splużżjoni w oħra? Irrid ngħidlek ħaġa waħda: INĦOBBOK b'imħabba tal-ġenn!

Għada t-taqbida ser tkun bla ħniena. Min jaf, forsi narak. Tgħid ikun hemm tistennieni wara l-bieb tal-mewt? Ara, qiegħed nibki... Ah! Mhux li għaraftek qabel! Kemm ili li sibtek m'għadnix nibża' li mmut. Saħħa... Narak...

Sunday, March 2, 2008

It-Tina Biskuttina

Kull nhar ta' Ħadd, aħna, bħala qasam, immorru passiġġata. Hi xi ħaġa li mhux biss tgħinek tieħu ftit break imma wkoll tagħtik enerġija ġdida għall-ġimgħa li tkun ġejja, barra li napprezzaw in-natura u l-ħolqien li jressaqna aktar lejn Alla.

Matul dawn il-passiġġati nilagħbu u nsiru nafu aktar lil xulxin. Barra min hekk xi kultant inkantaw ukoll!! Waħda mill-aktar poeżiji popolari fostna hija din t'hawn taħt:



It-Tina Biskuttina
it-tina biskuttina
l-musbieħ irid il-ftila
l-ftila mhux musbieħ
u l-ikrah mhux sabiħ
is-sabiħ mhuwiex ikrah
l-għaref mhuwiex iblah
l-iblah mhuwiex għaref
u l-frieket mhux imgħaref
l-imgħaref mhumiex frieket
l-imqajjem mhuwiex rieqed
ir-rieqed mhux imqajjem
u l-ħbula m’humiex ktajjen
il-ktajjen mhumiex ħbula
l-werqa mhijiex żbula
iż-żbula mhijiex werqa u
r-ragħda mhijiex berqa.
il-berqa mhijiex ragħda
llum mhuwiex għada
għada mhux illum u
xkubetta mhix kanun
il-kanun mhux xkubetta
fula mhix karawetta
karawetta mhijiex fula
u l-wiżgħa mhix gremxula.
gremxula mhijiex wiżgħa
irġiel mhumiex nisa
nisa mhux irġiel
u pitravi mhux brunġiel
il-brunġiel mhux pitravi
kantuni mhumiex travi
it-travi mhux kantuni
u l-baqar mhux muntuni
il-muntuni mhumiex baqar
għana mhuwiex faqar
faqar mhuwiex għana
u reġina mhix sultana
is-sultana mhix reġina
torta mhix pudina
puuuudiiiiina mhijiex torta u fid-dinja ħadd m’hu xooortaa!!


For more widgets please visit www.yourminis.com