Dan il-futur muri lilna minn Alla ma għandux x’jaqsam biss ma’ dak li qed jistenniena wara l-mewt, meta niltaqgħu ma’ Alla wiċċ imb’wiċċ, imma joffrilna għan għal ħajjitna li jissarraf fil-ħajja tagħna tal-lum. Infatti, it-tama nisranija mhix aljenazzjoni jew ħarba mill-impenn tal-ħajja ta’ kuljum. Jekk nifhmu hekk, inkunu qed inħaddnu ereżija. “Il-Knisja tgħallem”, jgħidilna l-Konċilju, “li t-tama eskatoloġika ma tnaqqasx l-importanza tad-dmirijiet fuq l-art, anzi ssaħħah it-twettiq tagħhom b’raġunijiet ġodda. Għall-kuntrarju, jekk jonqos il-pedament ta’ Alla u t-tama tal-ħajja ta’ dejjem, id-dinjita’ tal-bniedem tonqos ħafna …. u l-enigma tal-ħajja u l-mewt, tal-ħtija u ta’ l-indiema, jibqgħu bla tweġiba u għalhekk mhux ftit drabi l-bnedmin jaqgħu fid-disperazzjoni” (Gaudium et Spes, 21).
Mela nħarsu lejn din l-omm tagħna u bħal ma għamlet hi nitammaw f'Alla tagħna.