Monday, December 24, 2007

Jum 5: Kemm huma terribli l-pwieni ta' l-infern

Li kieku l-infern ma kienx post tal-biża u post mill-iktar ikrah, Alla nnifsu kien ser jsir bniedem biex jeħlisna minnu?

Mela ftakar kull meta tkun ser tagħmel xi ħaġa li lil Alla ma togħġbux li biex isalvana huwa sar bniedem bħalna - Huwa li kien ma jonqsu xejn sar seftur biex jifdi lis-seftur!

Natura Qarrieqa

Mhux hekk biss - imma huwa sar bniedem bħalna biex jurina li kemm in-natura tal-bniedem tista tkun ħażina għalina. Tant hu hekk li anke meta Huwa kien għadu tarbija diġa warrab dak kollu li n-natura tal-bniedem tgħożż: il-kumdita' u r-rikezzi.

Mela ħares lejn din it-tarbija u ftakar li int tinsab fid-dinja, imma m'għandekx għalfejn tkun tad-dinja għax ħajtek tinsab f'pellegrinaġġ kontinwu lejn DAK li sar bniedem bħalek biex jurik it-triq għal għandU!

Friday, December 21, 2007

Jum 4: L-Ubbidjenza

Alla li ħalaq lili u lilek ġie fid-dinja u bħal kull bniedem kien jobdi l-liġijiet tal-pajjiż. Mhux hekk biss - imma kien jobdi wkoll lill-ġenituri tiegħu.

Alla li ħalaq lil kull bniedem jobdi lil dawk li huwa stess ħalaq! U sejjer int ma tobdix lil dak li jridek biss ġid? U sejjer int ma tieħux parrir min għand dawk li jħobbuk u li qed jippruvaw jgħinuk?

Jum 3: Il-Faqar


Li kieku Ġesu' twieled f'xi palazz sabiħ konna ngħidu: "U dan Alla fejn jaf kemm aħna l-bnedmin inbatu! Huwa kellu l-kumdita kollha!"


Imma meta tiftakar li dak li ħalaq dak kollu li qed tara b'għajnejk ma kellux post fejn jitwieled ħlief stalla ta' l-animali tistagħġeb bl-imħabba u l-qalb ħanina ta' dan Alla tagħna li ħalla l-kumdita' tas-sema u ġie jitwieled f'maxtura!

Jum 2: L-Umanita' ta' Kristu

Alla li jista' kollox u li ma jonqsu xejn: issir bniedem bħali u bħalek u dan biex jurina li huwa, bħala Alla jinsab viċin tal-bniedem.

Qiegħed hawn fid-dinja, qiegħed jgħix bħalek, qiegħed jitkellem l-istess lingwa tiegħek, jiekol bħalek etc... x'qed tistenna biex tqatta ftit ħin miegħu??

Jum 1: Id-Divinita' ta' Kristu

Immaġina lilek innifsek tipprova tikkomunika man-nemel.... jista jirnexxilek? Huwa xi ftit diffiċli.


Issa mmaġina lil Alla jipprova jikkomunika mal-bnedmin - meta dawn ma tantx jixtiequ jagħtu kasu! Imma Alla għax huwa verament kbir u jħobb b'imħabba tal-ġenn lill-bniedem isir bniedem bħalna. Dan ma jfissirx li Alla issa sar bniedem biss imma jfisser li Alla sar bniedem pero' żamm id-Divinita tiegħu ukoll.


Ħares mela lejn iċ-ċkejkna tarbija fl-għar ta' Betlehem u bħal-Maġi adura lil Alla tiegħek.

Sunday, December 16, 2007

Novena


Nistgħu ngħidu li l-Avvent wasal kważi fi tmiemu u l-Knisja bdiet tħejjina biex niċċelebraw it-twelid tas-Salvatur tagħna permezz tan-Novena.

San Ġorġ Preca, kellu għal qalbu ħafna l-Milied u ma naqassx li huwa wkoll iħejji novena għall-membri tiegħu biex jgħinhom jimmeditaw fuq suġġetti diversi fosthom il-Faqar, l-Umanita' ta' Kristu u suġġetti oħra.

Din in-Novena kellha tibda fit-13 ta' Diċembru u l-membri jkollhom suġġett jew tnejn bi ftit meditazzjonijiet fuq kull suġġett. F'dawn il-jiem li ġejjin ser nġibu riflessjonijiet fuq kull suġġett ta' din in-Novena.

In-Novena tispiċċa billi l-membri, għarkubtejjhom u b'rashom baxutha jgħidu għal-disa' darbiet:

L-Iben t'Alla sar Bniedem - Glorja lil Missier u lil Iben u lil Ispirtu s-Santu.
U mbagħad tingħad Sliema u Qaddisa.

Din hija ħaġa sabiħa ħafna u tajjeb li fil-familji tagħna nagħmlu din it-talba matul dawn id-disa' t'ijiem quddiem il-Bambin li għandna fi djarna.


Sunday, November 25, 2007

Kristu Re...

Din il-festa liturġika ta' Kristu Re hija waħda li żgur tfakkarna fuq kemm aħna rridu nimxu wara dan is-sultan li qatt ma jinsina.

Tant hu hekk li anke meta kien minxur fuq salib - kwazi bla ħajja - minxur bejn żewġ ħallelin, li għalkemm it-tnejn li huma kienu ħatja kellhom attitudni fejn differenti min ta' xulxin dwar is-sentenza li huma rċevew.

Wieħed minnhom kien qed jara biss it-tmiem u xejn iktar. Imma l-ieħor, ra sinjal quddiemu, ra miktub fuq is-salib ta' Ġesu': "Dan hu s-Sultan tal-Lhud." u bħal wieħed li ma kellux x'jitlef iddeċida li jimxi fuq dan is-sinjal u lil Ġesu' qallu: "Ftakar fija meta tkun fis-Saltna tiegħek." Turina kemm kien ċert li dak li kien qed jagħmel Ġesu' kien qed jagħmlu għal-ġid tan-nies li huwa ried fis-Saltna Tiegħu. U Ġesu' tah dak li xtaq: "Il-Lejla tkun miegħi, il-Ġenna."

Dak il-ħalliel tajjeb ngħidu li seraq il-ġenna wkoll - imma jiena naħseb li mhux seraq il-ġenna, imma fehem verament li ħajtu kella tkun kollha ma' dan is-Sultan li bħalu kien imsallab, u biex ma jitlef xejn mill-minuti li kien għad fadallu mbiegħed minnU qallu hekk.

J'alla aħna wkoll nifmhu li kull minuta li jkollna mbegħdin min mas-Sultan tagħna Ġesu' din tkun moħlija.


For more widgets please visit www.yourminis.com