Monday, December 24, 2007

Jum 8: Il-Manswetudni

Meta Ġesu' ġie fid-dinja, huwa ġie propju meta l-bnedmin kienu għedewwa t'Alla. Huwa ġie propju fid-dinja biex jieħu fuqu id-dnubiet tad-dinja u jaħfrilna u hekk jerġa jħabibna m'Alla l-Missier.

Dan il-Milied mela aħfer lil dik jew lil dak li tinsab miġielda min magħhom u hekk tkun qed tesperjenza dik il-paċi li Ġesu' Bambin ġie jwassal.
L-Umilta'
Ħares ftit ġewwa l-grotta ta' Betlehem u ibqa ċert li jekk hemm ħaġa li m'intix ser issib din hija s-suppervja!
  • Marija stess stqaret li hija l-iżgħar fost il-qaddejja t'Alla.
  • Ġużeppi dak ir-raġel ġust li ma xtaqx ixxerred xnigħa kerha kontra Marija l-għarusa tiegħu - għalkemm il-liġi kienet tagħtih dan id-dritt!

Ħares mela f'din il-grotta, osserva u tgħallem!

Jum 7: Il-Fedelta t'Alla


Permezz tat-Twelid ta' Ġesu' ġewwa Betlehem, permezz tal-Verġni Marija Alla kien qed iwettaq il-wegħdiet li għamel permezz tal-profeti.

Dan jurina kemm Alla dejjem iżomm kelmtu u dejjem huwa fidil lejn dawk li jimxu warajH. Allura sejra int ma tafdax lil Alla meta huwa jitolbok tagħmel xi ħaġa li int forsi taħseb li ser tkun wisq diffiċli għalik?

Il-Ħniena t'Alla

Tant huwa ħanin Alla mal-bniedem li umilja lill-Ibnu stess biex hekk il-bniedem ikollu s-salvazzjoni ta' dejjem.

Meta tara din il-Ħniena t'Alla għalik - sejjer int ma tħennx għal dawk ta' madwarek?

Jum 6: Providenza t'Alla

Mhix providenza li Alla jibgħat lil Ibnu stess biex ikun is-Salvatur tagħna?

Hekk stqarrew l-anġli lir-rgħajja: "Għaliex twieled għalikom is-Salvatur li Hu Kristu l-Mulej, fil-belt ta' David."

Mela ħares lejn din it-tarbija u ara fiH il-providenza t'Alla li ta' kuljum int għandek tintelaq fi ħdanha.

Id-Dinjita tan-Nisrani
In-Nisrani għandu dinjita ta' l-għaġeb. Huwa jista jistqarr b'wiċċu min quddiem li Alla nnifsu sar ħuh u dan għax iħobbu.
Imma aħseb ftit:

  • Fil-ħajja tiegħi qegħda jiena ngħix bħala nisranija li jekk Ġesu' jħares lejja jkun jista jgħid: "Dik hija nisranija għal qalbi!"

Jum 5: Kemm huma terribli l-pwieni ta' l-infern

Li kieku l-infern ma kienx post tal-biża u post mill-iktar ikrah, Alla nnifsu kien ser jsir bniedem biex jeħlisna minnu?

Mela ftakar kull meta tkun ser tagħmel xi ħaġa li lil Alla ma togħġbux li biex isalvana huwa sar bniedem bħalna - Huwa li kien ma jonqsu xejn sar seftur biex jifdi lis-seftur!

Natura Qarrieqa

Mhux hekk biss - imma huwa sar bniedem bħalna biex jurina li kemm in-natura tal-bniedem tista tkun ħażina għalina. Tant hu hekk li anke meta Huwa kien għadu tarbija diġa warrab dak kollu li n-natura tal-bniedem tgħożż: il-kumdita' u r-rikezzi.

Mela ħares lejn din it-tarbija u ftakar li int tinsab fid-dinja, imma m'għandekx għalfejn tkun tad-dinja għax ħajtek tinsab f'pellegrinaġġ kontinwu lejn DAK li sar bniedem bħalek biex jurik it-triq għal għandU!

Friday, December 21, 2007

Jum 4: L-Ubbidjenza

Alla li ħalaq lili u lilek ġie fid-dinja u bħal kull bniedem kien jobdi l-liġijiet tal-pajjiż. Mhux hekk biss - imma kien jobdi wkoll lill-ġenituri tiegħu.

Alla li ħalaq lil kull bniedem jobdi lil dawk li huwa stess ħalaq! U sejjer int ma tobdix lil dak li jridek biss ġid? U sejjer int ma tieħux parrir min għand dawk li jħobbuk u li qed jippruvaw jgħinuk?

Jum 3: Il-Faqar


Li kieku Ġesu' twieled f'xi palazz sabiħ konna ngħidu: "U dan Alla fejn jaf kemm aħna l-bnedmin inbatu! Huwa kellu l-kumdita kollha!"


Imma meta tiftakar li dak li ħalaq dak kollu li qed tara b'għajnejk ma kellux post fejn jitwieled ħlief stalla ta' l-animali tistagħġeb bl-imħabba u l-qalb ħanina ta' dan Alla tagħna li ħalla l-kumdita' tas-sema u ġie jitwieled f'maxtura!

Jum 2: L-Umanita' ta' Kristu

Alla li jista' kollox u li ma jonqsu xejn: issir bniedem bħali u bħalek u dan biex jurina li huwa, bħala Alla jinsab viċin tal-bniedem.

Qiegħed hawn fid-dinja, qiegħed jgħix bħalek, qiegħed jitkellem l-istess lingwa tiegħek, jiekol bħalek etc... x'qed tistenna biex tqatta ftit ħin miegħu??


For more widgets please visit www.yourminis.com