Kemm huma sbieħ il-kelmiet "mimlija bil-grazzja" meta huma indirazzati għal din l-Omm tagħna. Juruna kemm verament Marija Ssma għandha tkun dak il-mudell li aħna nimitaw.
Wara li dehrilha l-anġlu Marija marret iżur lil qariba tagħha Eliżabetta, u meta din ferħet u stagħġet li Omm il-Mulej kienet marret għandha, tant li t-tarbija f'ġufha qabżet bil-ferħ, Marija bil-kelmiet tal-Magnificat wieġbet: "Għax Hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħU, min issa 'l quddiem, kull nisel jibda jsejjaħli hienja"
Mela minkejja li Marija kienet mimlija bil-grazzja hija kienet taf li mingħajr Alla hija ma tista tagħmel xejn, pero' kienet taf li għax hija kienet mimlija fiduċja f'Alla u lesta li tagħmel dak kollu li jridha hu kull nisel kien ser isejħilha hienja. Mela ma nibżgħux nirrikorru għand din l-Omm tagħna li ta' kulljum tisteninha li nkelmuha speċjalment bit-talba tant għażiża għalija - ir-Rużarju.
Inkantaw jew ngħidulha din it-talba li San Ġorġ Preca kiteb biex is-soċi u l-kandidati jgħiduha ta' kuljum:
Qima lil Marija Santissma
Bil-grazzja mimlija,
Omm u dejjem Xebba,
Ħelwa Ommna Marija:
Itlob 'l Alla għalina.
Kull kreatura, o Marija, tinkina (inkin) quddiemek, għax tassew ħwejjeġ kbar għamel miegħek Dak li huwa setgħani.
Alla l-Missier tak is-smewwiet u l-art;
Alla l-Iben tak l-ubbidjenza fis-sottomissjoni;
Alla l-Ispirtu s-Santu tak kemm tista' tkun eżaltata kreatura minn Alla fl-ogħla grad.