Bħal dan iż-żmien, ikun hawn ħafna preparamenti . . . min daqt għandu l-festa u min ħaġa u min oħra. Imma ħaġa li żgur toħloq xi ftit preparamenti mhux ħażin hija jekk it-tifla jew it-tifel t/jkun ser jagħmel l-Ewwel Tqarbina.
Kemm hi ħaġa sabiħa li tara lil dawk it-tfal kollha ħerqanin għal din il-ġurnata li huma tant ikunu jixtiequ: Ġurnata fejn ikunu ser jirċievu lil Ġesu' għal l-ewwel darba.
Saqsejt lil waħda tifla u għedtilha: "Għalfejn liebsa libsa bajda daqshekk sabiħa?" Stennejt li ser tgħidli: "Għax illum il-praċett", jew "Għax illum ser nirċievi lil Ġesu'" jew xi ħaġa hekk. Imma din it-tifla, qaltli b'ton sigur u ċert: "Għax illum jiena l-prinċipessa ta' Ġesu'."
Aħna lkoll prinċipessi ta' Ġesu' - għax Ġesu' għalhekk ġie fid-dinja biex lilna jerġa jfakkarna li postna hu miegħU l-prinċep tad-dinja.
U biex żgur ma ninsewx hu għadu magħna preżenti fl-Ewkaristija għalina. Ried li ma jħallinix waħedna għalhekk waqaf is-Sagrament tant sabiħ ta' l-Ewkaristija. Mela biex verament inkunu prinċpijiet u prinċipessi ta' Ġesu' irridu li nirċevuh ġewwa fina kull meta nistgħu biex hekk hu jsaħħaħna bil-grazzja tiegħU.