F'dawn l-aħħar ftit ġimgħat il-poplu Malti qed jisma' ħafna fuq Dun Ġorġ u fuq il-Museum.
Imma forsi tiġi ġo moħħna l-mistoqsija: Għala l-Museum?
Dak iż-żmien kien hawn ħafna nies li ma kienux jafu tagħlim veru tar-reliġjon. Ħafna min-nies kienu jippratikaw ir-reliġjon għax hekk kienu mdorrijin u mhux għax verament kienu jemmnu, jew kienu jafu x'inhuma jagħmlu. Dun Ġorġ kien jgħix f'dak iż-żmien u kien jaf x'kienet is-sitwazzjoni ta' żmienu.
Huwa ħassu mqanqal li kien imsejjaħ biex jgħallem u dan huwa ried jagħmlu permezz ta' lajċi li jkunu msejjħa biex jitgħallmu u jgħallmu lil oħrajn. Din hija l-missjoni tas-Soċjeta pero qabel kollox dawk li huma parti min l-għaqda għandhom l-iskop li jitqaddsu, imbagħad iqaddsu lil oħrajn.
Imma llum għad hawn post u skop għal din l-għaqda li twieldet madwar 100 sena?
Jekk inħarsu ftit madwarna, naraw li ħafna min-nies illum huma mgħallma f'ħafna affarijiet, u l-edukazzjoni mxiet ħafna l-quddiem min dak iż-żmien pero' injoranza dwar reliġjon sfortunatament għadha teżisti. Għandna bżonn nies li għax imsejjħa jwasslu l-Kelma tal-Mulej.
Dawn huma nies mħeġġin bħal ma darba qal l-Ewwel Superjur Ġenerali Ewġenju Borġ: "Kellna ħeġġa, bil-lejl bilkemm konna nistgħu norqdu. Id-Dinja għamilniha tagħna!"
U verament id-dinja kienet tagħhom, għax kull fejn kienu jistgħu kienu jwasslu l-Kelma t'Alla kemm bil-kliem u anke bl-eżempju. Dan hu x-xogħol ta' kull nisrani, u b'mod speċjali ta min huwa parti mill-Museum.
Ejjew immella nwasslu l-Kelma t'Alla bil-kliem u l-eżempju hekk kif xtaq San Ġorġ Preca.
VIVA SAN ĠORĠ PRECA!
L-EWWEL MUDELL MALTI!