Il-Ħadd li għadda kienet ġurnata speċjali għall-Knisja Maltija u dan propju għax dakinhar ġew ordnati 6 presbiteri u djaknu.
Is-sitt qassisin ġodda huma: Rev. Manuel Camilleri SDB, Rev. Mario Mangion u Rev. Josef Mifsud (it-tnejn mis-Siġġiewi), Rev. Justin Schembri OP, Rev. Kevin Schembri (min-Naxxar), u Rev. Ivan Scicluna OFM Cap. Ġie ordnat ukoll bħala djaknu: Bro. Alfred Vassallo OCD.
Hija wkoll okkażjoni speċjali għar-raħal tagħna s-Siġġiewi għax tnejn mis-sitt qassisin li ġew ordnati huma mill-parroċċa tagħna. Imma dan xi jfisser għalina? Għandu jfisser ħafna, għax jurina b'mod aktar pratikku kemm il-Mulej għadu jsejjaħ persuni biex ikunu kollha għalih u dawn bil-grazzja li Huwa tagħhom wieġbu għal din is-sejħa wara mixja ta' seba' snin ġewwa s-Seminarju issa jinsabu għas-servizz tiegħU u tal-Knisja.
Kien hemm ħafna ferħ ġewwa l-Kon-Katidral ta' San Ġwann sa min qabel il-funzjoni. Wara r-Rit ta' l-Ordinazzjoni dan il-ferħ intwera biċ-ċapċip li nstemgħa mill-ġemgħa miġbura hemmhekk.
Bħala tifkira ta' din l-okkażjoni ġiet mqassma bookmark fejn il-faċċata tagħha kien jgħid: "Fassal ħajtek fuq dak li jkollok f'idejk."
Verament dawn il-qassisin u djaknu ġodda jridu jfasslu ħajithom fuq Kristu li minn issa huma (l-qassisin) ser jġibu preżenti fl-Ostja Konsagrata waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.
Imma aħna wkoll irridu nfasslu ħajitna fuq dak li jkollna f'idejna u f'qalbna waqt it-Tqarbin. Aħna wkoll mistiedna li nisimgħu s-sejħa tal-Mulej, u bil-grazzja tiegħu, bħal ma għamlu dawn is-seba' żgħażagħ nwieġbu iva u nibdew nimxu flimkien ma' Ġesu' it-triq li Hu ħejja għalina.
Nawguraw lil dawn iż-żgħażagħ u nwegħduhom it-talb tagħna. AD MULTOS ANNUS!!!